Awturi hawn bosta u sena wara l-oħra qegħdin jiżdiedu l-inizjattivi sabiex il-kwalità tal-ktieb tkompli dejjem titjieb. Il-kotba ppubblikati bil-Malti qegħdin jiżdiedu, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qiegħed jorganizza dejjem iżjed attivitajiet u premji li jiċċelebraw il-ktieb, filwaqt li l-awturi Maltin qegħdin iżidu l-preżenza tagħhom barra minn xtutna grazzi għal fondi li jippermettulhom dan u kollaborazzjonijiet ma’ awturi, tradutturi u pubblikaturi internazzjonali. Imma jekk ikollok tagħżel għaxar awturi li żgur għandek taqra sakemm tagħlaq 25 sena, liema huma?

Norbert Bugeja

Norbert Bugeja
Photo by The National Book Council

B’dottorat mill-Università ta’ Warwick, Norbert Bugeja huwa wieħed mill-iżgħar awturi kontemporanji b’ħiliet straordinarji. Il-poeżija tiegħu hija friska daqskemm hi klassika, waqt li l-espressjoni f’xi drabi hija waħda tanġibbli daqskemm hi surreali. Bi spirtu għalkollox influwenzat mill-kulturi tal-Lvant u tal-Afrika ta’ Fuq, kulturi għalkollox qrib tagħna daqskemm huma xi kultant meqjusin distinti, Bugeja huwa l-poeta tal-ibliet, dak li jitwaħħad mal-ambjent ta’ madwaru u jneżżgħu sabiex jislet minnu tifsiriet u xbihat xejn komuni.

Qatt ma qrajt xogħol ta’ Norbert Bugeja? Ibda bi Bliet.

Leanne Ellul

Leanne Ellul
Photo by the National Book Council

Koordinatriċi ta’ bosta proġetti u inizjattivi artistiċi, Leanne Ellul kisbet fama partikolari bir-rumanz tagħha Gramma, wara li diversi xogħlijiet minn tagħha dehru f’antoloġiji varji kemm f’Malta kif ukoll barra. Imnebbħa mill-influwenza tar-relazzjonijiet, f’dil-awtriċi u poetessa hemm is-sensittività ta’ min jifhem tajjeb is-solitudni, il-ferħ, l-eċitament, l-istennija u d-delużjoni. B’żewġ xogħlijiet teatrali f’temp ta’ ftit xhur, Marjelena u Ma Rridx Immur (Rebbieħ tal-Premju Francis Ebejer), Ellul hija waħda mill-iżgħar kittieba Maltin li f’medda ta’ ftit snin diġà ħolqu sensiela ta’ xogħlijiet ta’ stoffa u ta’ ġeneri varji.

Qatt ma qrajt xogħol ta’ Leanne Ellul? Ibda bi Gramma.

John A. Bonello

John Bonello

Awtur li kulma jmur dejjem qiegħed iżid fil-popolarità tiegħu proprju minħabba fil-ħila li jalterna b’ħeffa l-pinna tiegħu skont il-qarrejja huwa ċertament dan. B’rumanzi għat-tfal, għall-adolexxenti u għall-adulti, Bonello huwa l-awtur kontemporanju li kapaċi jilgħab bl-ambjenti u biż-żminijiet daqskemm hu kapaċi jimla l-kitbiet tiegħu b’intriċċi li liż-żgħar jinżlulhom għasel. Bħal Charles Casha bi Fra Mudest u Trevor Zahra b’Kunċett u Marinton, Bonello ħoloq lil Irvin Vella, l-investigatur żagħżugħ f’sensiela ta’ rakkonti li ċertament se jibqgħu jissemmew.

Qatt ma qrajt xogħol ta’ John A. Bonello? Ibda b’Fil-Mergħat tal-Impossibbli.

Clare Azzopardi

Clare Azzopardi
Photo by Giola Cassar

L-awtriċi-għalliema li isimha huwa sinonimu kemm maż-żgħar kif ukoll mal-kbar tatna wħud mill-aqwa novelli tas-seklu 21, minbarra karattri li niżlu tajjeb maż-żgħar daqskemm mal-ġenituri tagħhom, fosthom Ġużeppina, Jake Cassar u l-Aħwa De Molizz. B’xogħol teatrali; In-Nisa Maltin Jafu Kif, u żewġ antoloġiji esklussivament tagħha; Il-Linja l-Ħadra u Kulħadd Ħalla Isem Warajh, huwa fatt magħruf li s-suċċess ta’ Clare Azzopardi qiegħed fil-ħila tagħha u ta’ kitbitha sabiex tivvjaġġa . F’kitbitha hemm enfasi partikolari fuq il-karattru, l-individwu, iżjed milli l-ambjent. Il-vuċi tal-karattri hija dik li timbotta l-istorja, u fil-kitbiet t’Azzopardi, xejn ma jseħħ għalxejn.

Qatt ma qrajt xogħol ta’ Clare Azzopardi? Ibda b’Kulħadd Ħalla Isem Warajh.

Oliver Friggieri

Oliver Friggieri

Qalb xalata ta’ awturi żgħar żgur li hemm lok għal dak il-Professur li ta kontribut siewi lil-letteratura lokali. B’għadd impressjonanti ta’ xogħlijiet ippubblikati u tradotti f’bosta lingwi, Oliver Friggieri jibqa’ msemmi l-iżjed għar-rumanzi tiegħu, speċjalment dawk li jidwu episodji storiċi speċifiċi, bħal Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri. Il-pinna ta’ Friggieri hija klassika daqskemm friska, u l-qawwa tal-kelma tiegħu tinsab fil-ħila li jgħallem il-prinċipji universali permezz ta’ karattri tipi li l-biċċa l-kbira tagħhom iġibu ruħhom ta’ individwi mill-iżjed eżemplari.

Qatt ma qrajt xogħol ta’ Oliver Friggieri? Ibda b’Ġiżimin li Qatt ma Jiftaħ.

Nadia Mifsud

Nadia Mifsud
Photo by Virginia Monteforte

Maltija li tgħix Franza, Nadia Mifsud hija l-poetessa liberali, dik li tesprimi l-ħsus ta’ mara bl-iktar emozzjonijiet qawwija u ħielsa minn kull irbit. F’Mifsud hemm sensiela ta’ emozzjonijiet li jridu jiżbroffaw, għoqiedi li jridu jinħallu, imma b’delikatezza u b’passjoni. Hija l-kittieba emigranta, il-ħassieba u l-filosfa li vjaġġat ‘il barra minn pajjiżha imma li xorta waħda tibqa’ tqis l-insularità tiegħu bħala l-punt tat-tluq f’ħafna mill-kitbiet tagħha.

Qatt ma qrajt xogħol ta’ Nadia Mifsud? Ibda b’Kantuniera ‘l Bogħod.

Immanuel Mifsud

Immanuel Mifsud
Photo by The National Book Council

L-awtur sinonimu man-novelli, ir-rumanzi u anki l-poeżija, Immanuel Mifsud huwa wieħed mill-iżjed awturi influwenti, u f’xi daqqiet kontroversjali, tal-aħħar snin tas-seklu 20 u l-bidu tas-seklu 21. Ħarsa ħafifa lejn isem ix-xogħlijiet tiegħu, tikxef rabta ċara ma’ dawk imtaħħtin, mitfugħin fil-ġenb u nieqsa mill-attenzjoni. Stejjer ta’ Nies Koroh, Il-Ktieb tas-Sibt Filgħaxija, L-Istejjer Strambi ta’ Sara Sue Sammut u Stejjer li ma Kellhomx Jinkitbu huma lkoll ġabriet ta’ nies komuni, nieqsa mill-ħafna tiżjin tal-karattri storiċi u fittizji, l-eroj li kulħadd għandu jimita. F’Mifsud hemm ir-riċerka tal-kittieb għaref, tal-ħassieb li jdur fuq l-Istorja għal sfond mill-iktar konkret u realistiku. Wara kollox huwa l-ewwel Malti li rebaħ il-Premju Ewropew tal-Letteratura.

Qatt ma qrajt xogħol ta’ Immanuel Mifsud? Ibda bi Stejjer li Ma kellhomx Jinkitbu.

Walid Nabhan

Walid Nabhan
Photo By InewsMalta

Dan l-awtur, Palestinjan daqskemm huwa Malti, huwa tista’ tgħid wieħed mill-iżjed ilħna sentimentali Maltin tas-seklu 21. B’żewġ ġabriet ta’ novelli, Lura d-Dar u Ġrajjiet Oħra li ma Ġrawx u Leħen tal-Fuħħar; u rumanz, L-Eżodu taċ-Ċikonji, Walid Nabhan huwa l-awtur poetiku b’sensittività li ddoqq ħelu fil-widna ta’ kull min jisma’ l-kitba tiegħu; il-ħassieb kritiku u sensittiv li jirrifletti kontinwament fuq prinċipji eżistenzjali. Ċertament, l-isfond kulturali ta’ Nabhan jiswa mitqlu deheb għal-letteratura lokali, b’enfasi fuq prinċipji li l-awturi Maltin mhux dejjem setgħu jistħarrġuhom bl-istess mod bħalu, proprju għax trabbew hawnhekk.

Qatt ma qrajt xogħol ta’ Walid Nabhan? Ibda b’L-Eżodu taċ-Ċikonji.

Pierre J. Meilak

Pierre Meilak

L-awtur Għawdxi li wessa’ l-orizzonti tiegħu hekk kif Malta saret membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea, huwa t-tieni Malti li rebaħ il-Premju Ewropew għal-Letteratura. B’rumanz pjuttost għall-adolexxenti, Riħ Isfel, u żewġ ġabriet ta’ novelli, Qed Nistenniek Nieżla max-Xita u Dak li l-Lejl Iħallik Tgħid, Meilak huwa tabilħaqq il-vuċi kontemporanja, dak li fir-rakkonti tiegħu hemm tħabbat il-qalb tas-soċjetà moderna, f’xi daqqiet aljenata u egoċentrika. Bħal Mifsud, fil-kitbiet ta’ Meilak hemm tħabbat il-qalb Maltija ta’ min infired minn pajjiżu fiżikament imma mhux emozzjonalment.

Qatt ma qrajt xogħol ta’ Pierre J. Meilak? Ibda b’Riħ Isfel.

Maria Grech Ganado

Maria Grech Ganado
Photo by The National Book Council

L-ewwel lekċerer mara full-time fl-Università ta’ Malta, Maria Grech Ganado titqies bħala waħda mill-ilħna femministi Maltin ewlenin. B’poeżiji li f’ħafna mid-drabi jitilqu mill-esperjenzi personali tal-poetessa nfisha, fi Grech Ganado hemm it-temi universali tat-tiġrib. Hija l-mara li kapaċi tkun irrabjata, serena, senswali, kritika u amikevoli, f’ħin wieħed, fl-istess ħin. B’element qawwi ta’ intertestwalità, b’allużjonijiet għal episodji bibliċi u mitoloġiċi, Grech Ganado tonfoħ nifs fix-xogħlijiet tagħha u li bih ma jibqgħux sempliċiment kitba fuq karta.

Qatt ma qrajt xogħol ta’ Maria Grech Ganado? Ibda b’Taħt il-Kpiepel t’Għajnejja.

This is the first article in a series of articles about must-read authors. This has been written in Maltese with the intention of promoting literary works in Maltese. 

© 2017 – VIDA Magazine – Clifford Jo Żahra

Comments

comments